Aqra Bil-Malti | View in English
Għalfejn Għandek Issir Student Membru?
Is-sħubija tal-istudenti ma’ Tech.mt hija miftuħa għall-individwi kollha li bħalissa qegħdin jistudjaw u li huma interessati f’Malta bħala ċ-Ċentru Teknoloġiku ta’ għażla.
Kif Tapplika għall-Isħubija
- Imlal-formola ta’ reġistrazzjoni hawn taħt
- Is-sħubija tiegħek ser tiġi mistħarrġa minn Tech.mt qabel ma tiġi approvata
- Idħol fil-kont tiegħek sabiex taċċessa l-portal tal-istudenti membri
- Lesti l-profil tiegħek
- Aċċessa riżorsi utli
IS-SĦUBIJA MA’ TECH.MT TOFFRI DIVERSI OPPORTUNITAJIET SABIEX TAGĦMEL KUNTATTI, TIKBER, U TAPPOĠĠJA L-ISTUDJI U L-KARRIERA FUTURA TIEGĦEK.
Il-potenzjal ta’ Malta fis-settur teknoloġiku qiegħed jikber flimkien mal-opportunitajiet.
Aħna ta’ Tech.mt dejjem konna impenjati li nappoġġjaw u nrawmu riżerva kbira ta’ talent li tissodisfa kemm it-talba tal-industrija teknoloġika lokali kurrenti kif ukoll dik futura. Aħna naħdmu biex nassistu lill-istudenti matul l-istudji tagħhom u warajhom filwaqt li nipprovdu wkoll pjattaforma sabiex in-negozji ġodda, l-istudenti u l-akkademja jippromwovu x-xogħol tagħhom u jiċċelebraw is-suċċess tagħhom.
Dan permezz ta’ diversi inizjattivi li għandna għaddejin. Waħda li għandha tissemma hija s-sħubija strateġika ma’ esperti li jmexxu l-industrija sabiex jassistu l-istudenti u l-akkademja fl-avvanz tal-ideat innovattivi ta’ negozju tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-sħab jaqsmu l-għarfien tan-negozju, l-esperjenza tal-industrija u l-ħiliet tagħhom mal-benefiċjarji sabiex jgħinuhom fil-ħolqien ta’ mudell ta’ negozju olistiku. Tech.mt timmira li timmotiva n-negozji ġodda sabiex ikunu iktar miftuħa għal futur diġitali u sabiex jiżguraw li n-negozju tagħhom jkollu aġilità u jkun lest li jadotta ideat innovattivi ġodda. Barra minn hekk, Tech.mt taħdem biex tipprovdi opportunitajiet differenti għal intraprendituri żgħar sabiex tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom u jiskopru prospettivi ġodda għan-negozju tagħhom.
Ftehimiet ta’ kooperazzjoni
Studenti li jixtiequ javvanzaw l-istudji tagħhom issa jistgħu jibbenefikaw minn ftehim ta’ kooperazzjoni bejn Tech.mt, l-Università ta’ Malta u tmien Universitajiet Taljani li għandu l-għan li jagħti lill-istudenti l-possibbiltà li jtejbu l-edukazzjoni tagħhom fi ħdan l-industrija teknoloġika. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, xprunata minn Tech.mt, l-Università ta’ Malta daħlet fi sħab mal-Università ta’ Camerino, l-Università ta’ Catania, l-Università ta’ Ferrara, l-Università ta’ Genoa, l-Università ta’ Milano, l-Università ta’ Perugia, l-Università ta’ Piemonte Orientale u l-Università ta’ Verona. L-universitajiet kollha qegħdin jiżviluppaw b’mod kostanti oqsma ġodda ta’ studju fi ħdan l-oqsma tax-xjenza tal-kompjuters, l-inġinerija u l-bijoinformatika medika fost oħrajn.
Dan il-ftehim jippermetti kollaborazzjoni avvanzata permezz ta’ skambji ta’ studenti, l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, korsijiet u seminars. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni Tech.mt timmira li tiffaċilita n-networking u diskussjonijiet soċjoekonomiċi bejn l-Italja u Malta filwaqt li toħloq toroq ta’ studju innovattivi u possibbiltajiet ta’ riċerka konġunta sabiex l-istudenti jiskopru iktar opportunitajiet.
Tech.mt qiegħda tikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta fuq ferm iktar inizjattivi. Waħda li għandha tissemma hija l-kollaborazzjoni mal-University of Malta Racing (UoMR) – tim ta’ studenti li ddiżinjaw u bħalissa qegħdin jibnu karozza tat-tlielaq tal-Istil Formula Wieħed. Permezz tal-isforzi tagħna nimmiraw li nesponu dan it-talent eċċezzjonali fuq livell lokali u internazzjonali.
Appoġġ għal ideat innovattivi
Aħna ta’ Tech.mt dejjem naħdmu biex nappoġġjaw ideat innovattivi ta’ studenti u negozji ġodda billi nipprovduhom bl-għodod it-tajba sabiex jieħdu l-ideat tagħhom għal-livell li jmiss. Aħna qegħdin nappoġġjaw intraprendituri żgħar billi niffaċilitaw il-kuntatti u nipprovduhom bl-għodod it-tajba sabiex jespandu l-innovazzjonijiet tagħhom. Ġie kkompilat Manwal għall-Intraprendituri minn Tech.mt li jagħti lill-istudenti l-informazzjoni prattika neċessarja kollha dwar xi jfisser li tkun intraprenditur. Dan jipprovdi informazzjoni dwar finanzi, operazzjonijiet, analiżi tal-kummerċjalizzazzjoni, riċerka u tattiki tal-kummerċjalizzazzjoni fost suġġetti oħra rilevanti għall-industrija.
L-aqwa mit-talent Malti
Aħna ta’ Tech.mt mhux biss naħdmu biex nibnu riżerva kbira ta’ talent u biex nissodisfaw id-domanda tal-industrija kurrenti u futura, iżda anki nfittxu li nirrikonoxxu u niċċelebraw l-aqwa mit-talent, l-ambizzjoni u l-kisbiet Maltin f’diversi kategoriji tal-ekosistema diġitali tagħna. L-eBusiness Awards, sostnuti min Tech.mt, sejrin jiġu mnedija f’Lulju li ġej bi premju ddedikat għall-Aqwa Teżi Akkademika tal-ICT. L-eBusiness Awards huma rikonoxximent prestiġjuż tas-suċċess Malti fil-konklużjoni ta’ proġetti, inizjattivi, soluzzjonijiet jew kisbiet oħra fil-qasam diġitali. Aħna nistednuk tissottometti l-proġetti tiegħek għal dawn il-premji u/jew li tikkuntattjana biex titgħallem iżjed dwar kif nistgħu nappoġġjawk fil-ħidma futura tiegħek.
SFRUTTA L-BENEFIĊĊJI
Reġistrazzjoni
Politika dwar is-Sħubija
Tech.mt għandha d-diskrezzjoni unika biex taċċetta membri ġodda fuq bażi ta’ każ b’każ. Tech.mt tista’ tiddeċiedi li tisspospendi/tirrifjuta applikazzjoni, li tissospendi jew tkeċċi sħubija eżistenti, jekk il-membru (jew xi wieħed mill-eżekuttivi tiegħu) jiġi kkundannat b’xi mod għal kwalunkwe ksur materjali ta’ kwalunkwe liġi jew regolament applikabbli minn kwalunkwe Awtorità rilevanti, wara li jkun ġie eżawrit kwalunkwe dritt ta’ appell, fejn applikabbli.
Is-sħubija tal-Istudenti hija valida sakemm l-individwu jkun għadu qiegħed jistudja.
Il-Fondazzjoni ma hijiex marbuta li tippubblika jew li tikkomunika b’xi mod ieħor ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ applikazzjoni ta’ sħubija, jew għas-sospensjoni jew tkeċċija ta’ membru eżistenti, u l-applikant/il-membru eżistenti jew kwalunkwe wieħed mid-diretturi/sħab eżekuttivi tiegħu ma jkollhom ebda dritt li jikkontestaw jew jisfidaw id-deċiżjoni ta’ Tech.mt.
Is-sospensjoni ta’ sħubija tista’ titneħħa meta tkun sodisfatta, b’evidenza suffiċjenti mressqa quddiemha, li l-membru jew id-diretturi/sħab eżekuttivi tiegħu aġixxa/aġixxew b’bona fide u li l-azzjonijiet tal-membru jew ta’ kwalunkwe wieħed mid-diretturi/sħab eżekuttivi tiegħu ma ħammġu r-reputazzjoni ta’ Malta bl-ebda mod.