Scroll to top
Tech.mt - Malta Leading Through Innovation
Share

Malta Reżiljenti


Tech.mt - July 30, 2021 - 0 comments

Artiklu miktub minn Tech.mt għall-pubblikazzjoni ‘Ekonomija’

Malta dejjem immirat li tkun fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. B’ekosistema diġitali b’saħħitha, ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala l-ġurisdizzjoni ideali għal teknoloġija emerġenti hija maħsuba li tibqa’ tikber. Il-pajjiż huwa mistenni li jikseb vantaġġ kummerċjali strateġiku fl-isfera tal-ekonomija globali, jiġġenera l-investiment u jippożizzjona lilu nnifsu bħala mexxej fil-qasam tat-teknoloġija. Sa minn meta twaqqfet fl-2019, Tech.mt ma waqfitx taħdem sabiex tassigura li Malta titpoġġa fuq il-mappa globali u tassew tkun meqjusa bħala ċentru teknoloġiku ta’ kwalità għolja biex tkompli tattira l-investiment barrani f’dan il-qasam.

Matul is-snin li għaddew, rajna lil Malta tiddiversika l-ekonomija tagħha b’suċċess, bis-settur tat-teknoloġija mhux biss stabilixxa lilu nnifsu bħala wieħed ewlieni għall-ekonomija lokali, iżda wkoll bħala settur li jappoġġja t-tkabbir ta’ setturi oħra importanti. Is-settur tat-teknoloġija wera wkoll reżiljenza matul il-pandemija, tant li xorta waħda rreġistra andament pożittiv. Huwa stmat li 70% tal-valur miżjud li se jinħoloq fl-ekonomija ta’ għada se jkun kollu ġej mill-ekonomija diġitali u pjattaformi teknoloġiċi. Għalhekk huwa kruċjali li pajjiżna jkompli jinvesti fis-settur sabiex tassew inkunu preparati għall-isfidi u l-opportunitajiet li dan jkollu se jġib miegħu.

Malta tikklassifika fil-5 post fl-Indiċi Ewropew tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġital (DESI, 2020)

Is-saħħa ta’ kull settur ekonomiku tiddependi ħafna fuq it-tħejjija għall-futur. Huwa propju għalhekk li pajjiżna qiegħed kontinwament irawwem din l-ekosistema. Fuq livell Ewropew u globali, Malta tkompli tispikka f’dan il-qasam. Xhud ta’ dan hija statistika ppubblikata riċentament mill-Unjoni Ewropea fl-istudju Innovation Scoreboard fejn nosservaw li l-prestazzjoni żdiedet b’mod qawwi għal Malta (+14.9 punti perċentwali), b’żidiet qawwija fil-prestazzjoni rreġistrati fl-2018 u l-2019. Barra minn hekk, Malta tikklassifika fil-5 post fl-Indiċi Ewropew tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġital (DESI, 2020). Fuq livell globali, il-Global Innovation Index (2020) jikklassifika lil pajjiżna fis-27 post minn fost 131 pajjiż madwar id-dinja fil-qasam tal-innovazzjoni u fir-raba’ post fejn todħol il-kreattività f’attivitajiet innovattivi.

Riċentement Malta tpoġġiet taħt monitoraġġ addizzjonali mill-aġenzija FATF. Avolja dan jista’ jitqies bħala skariġġ għall-operat kummerċjali globali tal-pajjiż, pero’ bir-reqqa u bil-għaqal l-ekonomija ta’ Malta hija maħsuba li xorta waħda teċċedi l-aspettattivi fis-sentejn li ġejjin.

“Dan is-suċċess irridu nibżgħu għalih, bis-setturi kollha inkluż il-Gvern, is-settur privat u aġenziji oħra anċillari jiġbdu ħabel wieħed biex inkunu konformi mar-regolameni u nassiguraw li l-proċessi jiġu mħarsa skont il-liġi li tirregolahom… B’hekk Malta toħrog aktar b’saħħitha u r-riformi li se jseħħu, jwasslu lil pajjiżna għal aktar prosperità fis-snin li ġejjin. Dan l-andament huwa wkoll rifless fil-viżjoni ekonomika tal-Gvern għall-għaxar snin li ġejjin”

– Dana Farrugia, Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt.

Pilastru ewlieni li qed issir ħidma sfieqa fuqu fil-qasam tat-teknoloġija huwa dak tar-regolamentazzjoni, b’oqsfa legali u regolatorji mibnija madwar l-assi finanzjarji virtwali, l-intelliġenza artifiċjali u l-Blockchain. Il-Blockchain hija teknoloġija orizzontali li għandha l-kapaċità titrasforma diversi setturi ekonomiċi u tiffaċilita diversi proċessi u proċeduri. Il-Blockchain mhijiex biss teknoloġija katalista iżda tista’ titqies bħala faċilitatur importanti li fuqu joperaw setturi u teknoloġiji emerġenti oħra. Teknoloġiji bħalma huma l-Internet of Things, meta mibnija fuq il-Blockchain isiru wkoll katalisti għall-ekonomija diġitali. F’dan il-qasam, Malta nediet proċess ta’ ċertifikazzjoni volontarju biex tassigura li tissodisfa numru ta’ kriterji, inkluż iżda mhux limitat għal, kuntratti intelliġenti u s-sigurtà ċibernatika. Il-Blockchain se tibqa’ tkun kruċjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin, hekk kif l-applikabilità u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija mistennija jkomplu jissaħħu.

Oqsfa regolatorji bħal dawk li waqqfet Malta fil-qasam tal-Blockchain u oħrajn mhux biss huma mudell għal pajjiżi oħra iżda wkoll kruċjali sabiex nattiraw investiment dirett barrani tal-ogħla livell u nkattru ekosistema ta’ kumpaniji hekk magħrufa bħala unicorns. Studji bħal Global FDI Country Attractivness Index (2020) li jikklassifika lil Malta fid-29 post minn fost 109 pajjiżi, huma xhieda ta’ kemm Malta tassew hija attraenti għall-investiment barrani.

Malta Reżiljenti - Artiklu miktub minn Tech.mt għall-pubblikazzjoni ‘Ekonomija’

Kapitlu ieħor eċċitanti fl-ekonomija diġitali ta’ Malta se jibda daqt bl-hekk imsejħa Technology Assurance Sandbox (TAS) li tnediet riċentament. Din l-inizjattiva mill-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) huwa konformi mal-missjoni u l-impenn ta’ Tech.mt biex tissawwar ekosistema attraenti għal teknoloġiji innovattivi, biex dawn verament jirnexxu. Permezz tat-TAS, negozji u individwi issa jistgħu jittestjaw is-soluzzjonijiet tagħhom qabel ma joħorġuhom fis-suq.

L-aspett ta’ finanzjament huwa meqjus kruċjali f’dan is-settur, speċjalment sabiex Malta ssir pajjiż aktar attraneti għal startups u unicorns sabiex jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżna, jikbru u jespandu. L-inċentivi fiskali offruti minn entitajiet bħall-Malta Enterprise u l-MCST huma strumentali sabiex jappoġġjaw investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-espansjoni f’setturi ekonomiċi ġodda inkluż is-settur tat-teknoloġija li kontinwament qed jesperjenza tkabbir. Filwaqt li kemm il-Gvern u anki s-settur privat huma kommessi li jkomplu jappoġġjaw is-settur, Tech.mt qed taħdem qatigħ sabiex taċċerta aċċess għal mezzi oħra ta’ finanzjament bħalma huma venture capital, skemi ta’ private equity u aċċess għal fondi permezz ta’ miżuri appoġġjati mill-Bank għall-Iżvilupp. Dan huwa element importanti fl-ekosistema ta’ dan is-settur u biex isostni l-investiment. Bħala Tech.mt irridu naraw li nkomplu ngħinu kumpaniji sabiex jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom kif ukoll ngħinuhom jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni. Skont l-EU Innovation Scoreboard (2021) anki fuq dan l-aspett diġa’ qbadna rittmu tajjeb ħafna, tant li fil-qasam tar-riċerka, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ żieda fil-prestazzjoni (47%) bejn l-2014 u l-2021. Meta mqabbel mal-2020, Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla rata ta’ żieda fil-prestazzjoni (14.1%) fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Bħala Tech.mt nemmnu li Malta għandha ħafna potenzjal xi tkompli tisfrutta fis-settur tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

It-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali Diġitali 2021-2024 u d-diversi miżuri ta’ appoġġ ekonomiku żgur li se jippermettu lil Malta tibda tirkupra mix-xokk tal-pandemija fit-tnax-il xahar li ġejjin.

M’hemm l-ebda dubju li l-futur huwa diġitali. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat din it-tranżizzjoni u t-tħejjija għad-dinja diġitali ta’ għada m’għadhiex għażla. Biex inkompli nirnexxu bħala pajjiż iridu nkomplu nsaħħu elementi importanti inkluż l-aċċess għall-finanzjament; regolamentazzjoni innovattiva; l-infrastruttura diġitali inkluż is-sigurtà ċibernatika; u nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali tal-istudenti u l-ħaddiema Maltin. Malta diġà tinsab f’pożizzjoni tajba biex tibni fuq il-qawwiet eżistenti tagħha, madankollu Tech.mt tibqa’ impenjata biex ittejjeb l-attrazzjoni ta’ Malta u biex tkompli tassigura tkabbir f’dan is-settur. Flimkien mal-partijiet interessati kollha ninsabu kommessi li nassiguraw futur diġitali ta’ suċċess għal pajjiżna.


Related posts