Scroll to top
Tech.mt - Malta Leading Through Innovation
Share

l-Orizzont Jiltaqgha ma’ Dana Farrugia – Il-Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt


Tech.mt - August 19, 2021 - 0 comments

Dana Farrugia

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt – Fondazzjoni mwaqqfa bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija biex tippromwovi l-istrateġija Nazzjonali dwar it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni.

“Is-settur tat-teknoloġija ra tkabbir ta’ madwar 6% fil-Valur Mizjud (GVA) f’dawn l-aħħar sentejn. Li rajna dan it-tkabbir pożittiv waqt pandemija huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalijja… mhux talli ma ħallejniex il-pandemija globali tfixkilna, talli ma waqafniex nippromwovu lil Malta bħala l-aqwa ċentru teknoloġiku fid-dinja.” – Dana Farrugia – Kap Eżekuttiv Tech.mt

X’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek bħala Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt?

Fl-irwol tiegħi ta’ kap Eżekuttiv nfittex l-ewwel u qabel kollox u permezz ta’ ħidma sfiqa flimkien mat-tim, li nassigura tkabbir għas-settur lokali tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni. L-għan ewlieni tiegħi tul il-karriera dejjem kien li nara li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs fejn tidħol it-teknoloġija u li soluzzjonijiet ġodda u emerġenti jintużaw bl-aħjar mod possibbli u jkunu dejjem aktar aċċessibbli bi tħejjija għall-futur.

X’inhu dak li tagħmel eżattament Tech.mt?

Tech.mt ġiet stabbilita fl-2019 bil-għan li Malta tkun ippożizzjonata bħala ċentru ideali għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fuq il-mappa internazzjonali. Dan biex kemm negozji lokali li joperaw f’dan is-settur u oħrajn barranin jespandu u jagħmlu suċċess.

Tech.mt hija mwaqqfa fuq erba’ pilastri: l-innovazzjoni, il- promozzjoni, l-assistenza lis-settur u t-talent. Sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna nipparteċipaw f’avveniment lokali u internazzjonali madwar id-dinja kollha sabiex l-ewwel u qabel kollox nippromwovu lil Malta, nagħtu opportunità lis-suq lokali jinternazzjonalizza u fl-istess ħin nattiraw investiment dirett barranin. Bħala Tech.mt norganizzaw ukoll l-avvenimenti tagħna sabiex nkomplu nkattru l-għarfien, nedukaw u nesponu t-talent u n-negozji lokali.

Tech.mt hija wkoll kommessa li tipprovdi pjattaforma għal negozji lokali sabiex verament ikunu ċċelebrati s-suċċessi ta’ operaturi fis-settur. Dan pereżempju permezz tal-eBusiness Awards fejn kumpaniji lokali f’oqsma varji tas-settur jiġu ppremjati f’diversi kategoriji. Dan ukoll bil-għan li negozji oħra jispiraw ruħhom u huma wkoll jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u għodod diġitali sabiex joperaw b’aktar effiċjenza.

Għan ieħor fil-mandat ta’ Tech.mt huwa l-assistenza li toffri lil kumpaniji varji, minn start-ups sa kumpaniji kbar u medji u individwi li għadhom jibdew jew għandhom ideat u ma jafux kif jistgħu jiżviluppawhom u jwassluhom sas-suq. Hawnhekk aħna noffru gwida u appoġġ kemm fejn jidħlu aspetti bħal trasformazzjoni diġitali, aċċess għal fondi jew sabiex jespandu l-operat lokalment jew barra minn xtutna u ħtiġijiet oħra li jista’ jkollhom.

Ikollna wkoll ħafna kuntatt ma’ negozji jew individwi minn madwar id-dinja li jkunu qed ifittxu li jirrilokaw f’pajjiżna jew li jwaqqfu n-negozju tagħhom hawnhekk u li għalhekk jiġu għandna biex nassistuhom.

Apparti dan kollu, Tech.mt tmexxi wkoll numru ta’ proġetti li huma mmirati sabiex jimminimizzaw il-firda diġitali u jħeġġu l-inklużjoni. Dawn jinkludu l-proġett tal-Wi-Fi li permezz tiegħu noffru servizz ta’ Internet b’xejn fi spazji pubbliċi madwar il-Gżejjer Maltin. Il-proġett ICT4TheElderly imbagħad huwa mmirat għal adulti kbar fl-età u jikkonsisti f’taħriġ speċjalizzat biex din l-udjenza titgħallem tagħmel użu minn għodod diġitali bżonnjużi tassew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum illum il-ġurnata. Permezz tal-proġett Women4IT qed naraw ukoll li nimminizzaw l-hekk imsejħa gender gap u dan permezz ta’ programm ta’ taħriġ speċjalizzat f’oqsma u karrieri varji diġitali għal nisa ta’ etajiet differenti.

Fl-aħħar, Tech.mt taħdem ħafna id f’id ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija sabiex nassiguraw li s-sistema edukattiva tagħna qed tipproduċi t-talent neċċessarju f’era diġitali.

X’inhu dak li jtik l-aktar sodisfazzjon dwar il-karriera tiegħek fil-qasam tat-teknoloġija?

Is-settur tat-teknoloġija hu settur dinamiku ħafna u jopera b’rittmu mgħaġġel. Dan iżommni verament entużjasta fuq xogħli. L-ebda sena m’hi bħall-oħra għax il-ħin kollu tiġri xi ħaġa ġdida jew ifaqqsu teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi f’dan is-settur. Tech.mt hija entità pjuttost ġdida iżda fi ftit zmien irnexxielna nagħmlu ħafna xogħol u dan lili jimlini b’sodisfazzjon u kuraġġ biex nibqgħu naħdmu għall-ġid tas-settur u ta’ Malta.

Min kien dak il-bniedem li xprunak sabiex kellek dan is-suċċess f’ħajtek?

Ilni snin kbar naħdem fis-settur tat-teknoloġija, sa minn meta f’Malta twaqqfet l-ewwel kumpanija privata tat-telekomunikazzjoni. Irnexxieli nikber u navvanza fil-karriera tiegħi bil-għajnuna kbira ta’ nies li dejjem kienu ta’ spalla għalija. Ma nistax ma nsemmix lill-familja tiegħi li kienu miegħi u ta’ appoġġ f’kull pass li għamilt fl-istudji u l-karriera tiegħi. Dejjem kont ukoll ispirata minn persuni li f’ħajjithom irnexxiehom isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali u jkunu ta’ suċċess fiż-żewġ aspetti. Nammira personalitajiet bħal Michelle Obama pereżempju li tgħallimna li fil-ħajja tista’ tagħmel dak kollu li toħlom li tista’ tagħmel jekk verament tkun determinat u tuża l-ħin tiegħek b’mod effiċjenti.

Kieku kellek tagħti parir lil xi ħadd li għadu ser jibda fid-dinja tax-xogħol jew negozju x’tgħidlu?

Is-suċċess tiegħek fil-karriera jew kwalunkwe għan tal-ħajja jiddependi biss fuqek innifsek. Jekk vera tixtieq xi haġa jew għandek ħolma ibqa’ tgħallem, ikber, aħdem u stinka sabiex dejjem tagħmel pass ieħor lejn l-għan aħħari tiegħek u fl-aħħar tasal fejn tixtieq.

Is-settur tat-teknoloġija nistgħu ngħidu li għadu xi ftit jew wisq ddominat mill-faxxa maskili. Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala mara taħdem f’dan il-kuntest?

Personalment jiena nħobb nisħaq li ebda karriera m’għandha tkun b’xi mod ippreġudikata mill-ġeneru. Int ta’ liema ġeneru int, jekk karriera tkun għalik nemmen li se tagħmel suċċess. Jekk mill-banda l-oħra dak l-ambjent ma jkun qed jieħdok imkien dak jurik li wasal iż-żmien li timxi x’imkien ieħor għax allura dik il-karriera mhux qed tissodisfak u mintiz se tikber u tavvanza. Kull karriera ġġib magħha sfidi u ntoppi, iżda jiena bħala Dana nammetti li kull fejn ħdimt dejjem sibt ħafna appoġġ u ltqajt ma’ nies li llum l-ġurnata bqajt nqis bħala mentors. Dawn in-nies kienu kruċjali fl-evoluzzjoni tal-karriera tiegħ u biex illum wasalt fejn wasalt.

Kif kien impattat is-settur tat-teknoloġija waqt il-pandemija?

Is-settur tat-teknoloġija wera reżiljenza matul il-pandemija, tant li xorta waħda rreġistra andament pożittiv. Dan jawgura tajjeb għall-kontribuzzjoni tas-settur lejn l-ekonomija wara l-pandemija. Nemmen li s-settur tat-teknoloġija u l-innovazzjoni se jkun ta’ sostenn qawwi għall-ekonomija lokali wara l-COVID.

Il-pandemija ħarġet biċ-ċar kemm hija kruċjali t-teknoloġija u t-trasformazzjoni diġitali għan-negozji llum il-ġurnata. Studji uffiċjali jindikaw li l-pandemija aċċellerat l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali b’diversi snin. Dan ifisser li s-settur tat-teknoloġija baqa’ jikkontribwixxi sew fl-ekonomija billi għamilha possibbli sabiex ħafna negozji setgħu jibqgħu għaddejjin. Ta’ min jinnota li dawk is-setturi li investew f’għodod u soluzzjonijiet diġitali għall-operat tagħhom tassew kienu aktar ippreparati sabiex jilqgħu għar-riperkussjonijiet tal-pandemija.

Malta dejjem kienet meqjusa bħala leader fis-settur tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. X’inhu dak li jagħmel lil Malta attraenti f’dan il-qasam?

Matul is-snin li għaddew, rajna lil Malta tiddiversika l-ekonomija tagħha b’suċċess, bis-settur tat-teknoloġija mhux biss stabilixxa lilu nnifsu bħala wieħed ewlieni għall-ekonomija lokali, iżda wkoll bħala settur li jappoġġja t-tkabbir ta’ setturi oħra importanti.

Tul is-snin Malta ppożizzjonat lilha nnifisha bħala Ċentru ewlieni Teknoloġiku, l-aktar minħabba l-aċċettazzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti u l-aġilità biex tirregola dan is-settur mingħajr ma tkun ta’ detriment għas-suq. Malta stabbilixxiet oqfsa regolatorji li jiffukaw fuq l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi bħall-Blockchain u l-Intelliġenza Artifiċjali, bl-għan primarju li jipprovdu trasparenza u ċertezza legali.

L-ekosistema kurrenti Maltija hija r-riżultat ta’ diversi investimenti li saru fil-passat. Illum għandna infrastruttura tat-telekomunikazzjoni b’saħħitha ħafna biex tilqa’ għal żieda fid-domanda li jġibu magħhom teknoloġiji emerġenti. Għandna netwerk tal-internet b’saħħtu li qed ikompli jissaħħaħ bl-ittestjar tan-netwerk 5G.

L-Ingliż hija t-tieni lingwa tagħna, element li jattira talent, xogħol u negozju minn madwar id-dinja kollha. Il-lokazzjoni ta’ Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran ukoll hija element attraenti għax tgħaqqadna sew maċ-ċentri Ewropej kollha b’titjiriet frekwenti u qosra.

Noffru wkoll għadd kbir ta’ inċentivi fiskali u mhux fiskali. Is-sistema tat-taxxa ta’ Malta tibqa’ waħda mill-aktar sistemi kompetittivi u din hija wkoll appoġġjata minn bosta skemi li l-Gvern qed iniedi biex jappoġġja l-investiment privat permezz ta’ krediti tat-taxxa, għotjiet u appoġġ għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Dan kollu flimkien mal-istabbiltà politika u finanzjarja tal-pajjiż, ikomplu jpoġġu lil Gżiritna fuq il-mappa intrnazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

Il-futur huwa diġitali… Kemm se jkun importanti l-aspett teknoloġiku wara l-pandemija f’pajjiżna u aħna ppreparati ?

Huwa stmat li 70% tal-valur miżjud li se jinħoloq fl-ekonomija ta’ għada se jkun kollu ġej mill-ekonomija diġitali u pjattaformi teknoloġiċi. Għalhekk huwa kruċjali li pajjiżna jkompli jinvesti fis-settur sabiex tassew inkunu preparati għall-isfidi u l-opportunitajiet li dan jkollu se jġib miegħu.

Is-saħħa ta’ kull settur ekonomiku tiddependi ħafna fuq it-tħejjija għall-futur. Huwa propju għalhekk li pajjiżna qiegħed kontinwament irawwem din l-ekosistema. Pilastru ewlieni li qed issir ħidma sfieqa fuqu huwa dak tar-regolamentazzjoni, b’oqsfa legali u regolatorji mibnija madwar l-assi finanzjarji virtwali, l-intelliġenza artifiċjali u l-Blockchain.

Il-Blockchain hija teknoloġija orizzontali li għandha l-kapaċità titrasforma diversi setturi ekonomiċi u tiffaċilita diversi proċessi u proċeduri. Il-Blockchain mhijiex biss teknoloġija katalista iżda tista’ titqies bħala faċilitatur importanti li fuqu joperaw setturi u teknoloġiji emerġenti oħra. Teknoloġiji bħalma huma l-Internet of Things, meta mibnija fuq il-Blockchain isiru wkoll katalisti għall-ekonomija diġitali. F’dan il-qasam, Malta nediet proċess ta’ ċertifikazzjoni volontarju biex tassigura li tissodisfa numru ta’ kriterji, inkluż iżda mhux limitat għal, kuntratti intelliġenti u s-sigurtà ċibernatika. Il-Blockchain se tibqa’ tkun kruċjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin, hekk kif l-applikabilità u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija mistennija jkomplu jissaħħu.

Oqsfa regolatorji bħal dawk li waqqfet Malta fil-qasam tal-Blockchain u oħrajn mhux biss huma mudell għal pajjiżi oħra iżda wkoll kruċjali sabiex nattiraw investiment dirett barrani tal-ogħla livell u nkattru ekosistema ta’ kumpaniji hekk magħrufa bħala unicorns. L-aspett ta’ finanzjament huwa meqjus kruċjali f’dan is-settur, speċjalment sabiex Malta ssir pajjiż aktar attraneti għal startups u unicorns sabiex jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżna, jikbru u jespandu. L-inċentivi fiskali offruti minn entitajiet bħall-Malta Enterprise u l-MCST huma strumentali sabiex jappoġġjaw investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-espansjoni f’setturi ekonomiċi ġodda inkluż is-settur tat-teknoloġija li kontinwament qed jesperjenza tkabbir. Filwaqt li kemm il-Gvern u anki s-settur privat huma kommessi li jkomplu jappoġġjaw is-settur, Tech.mt se tkun qed taħdem qatigħ sabiex taċċerta aċċess għal mezzi oħra ta’ finanzjament bħalma huma venture capital, skemi ta’ private equity u aċċess għal fondi permezz ta’ miżuri appoġġjati mill-Bank għall-Iżvilupp. Dan huwa element importanti fl-ekosistema ta’ dan is-settur u biex isostni l-investiment. Bħala Tech.mt irridu naraw li nkomplu ngħinu kumpaniji sabiex jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom kif ukoll ngħinuhom jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Bħala Tech.mt nemmnu li Malta għandha ħafna potenzjal xi tkompli tisfrutta fis-settur tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. It-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali Diġitali 2021-2024 u d-diversi miżuri ta’ appoġġ ekonomiku żgur li se jippermettu lil Malta tibda tirkupra mix-xokk tal-pandemija fit-tnax-il xahar li ġejjin.

M’hemm l-ebda dubju li l-futur huwa diġitali. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat din it-tranżizzjoni u t-tħejjija għad-dinja diġitali ta’ għada m’għadhiex għażla. Biex inkompli nirnexxu bħala pajjiż iridu nkomplu nsaħħu elementi importanti inkluż l-aċċess għall-finanzjament; regolamentazzjoni innovattiva; l-infrastruttura diġitali inkluż is-sigurtà ċibernatika; u nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali tal-istudenti u l-ħaddiema Maltin. Malta diġà tinsab f’pożizzjoni tajba biex tibni fuq il-qawwiet eżistenti tagħha, madankollu Tech.mt tibqa’ impenjata biex ittejjeb l-attrazzjoni ta’ Malta u biex tkompli tassigura tkabbir f’dan is-settur. Flimkien mal-partijiet interessati kollha ninsabu kommessi li nassiguraw futur diġitali ta’ suċċess għal pajjiżna.

X’inhuma l-prijoritajiet ta’ Tech.mt għall-ġejjieni ?

It-tim ta’ Tech.mt jibqa’ kommess li jilħaq il-miri bħala parti mill-mandat li ġie afdat f’idejn din l-entità. Il-viżjoni hija ambizzjuża u fost oħrajn se nkomplu naħdmu qatigħ sabiex nistabbilixxu lil din l-entità bħala l-punt ewlieni għall-appoġġ lis-settur u inizjattivi marbuta ma’ investiment u internazzjonalizzazzjoni fost oħrajn sabiex nassiguraw li dan is-settur ikun kontributur ewlieni għall-ekonomija.

Permezz ta’ riċerka nibqgħu nanalizzaw xejriet u żviluppi fis-settur biex nagħrfu minn kmieni opportunitajiet għal investiment għas-suq lokali tat-teknoloġija. Nevalwaw is-suq għal niċeċ u potenzjal mhux sfruttat li negozjanti lokali jistgħu jisfruttaw sabiex jespandu lokalment u barra minn xtutna.

Il-viżjoni tagħna ma tieqafx fuq in-negozji iżda se nkomplu niffokaw ukoll fuq it-talent u għalhekk li nkattru talent lokali u nattiraw talent minn barra wkoll sabiex tintlaħaq id-domanda tal-industrija kemm dik kurrenti u tal-ġejjieni.

Li nkunu ta’ sostenn għall-industrija lokali tat-teknoloġija tibqa’ waħda mill-miri ewlenin tagħna sabiex nassiguraw li dan is-settur jibqa’ jikber u jiffjorixxi.

Nibqgħu wkoll iffukati li nservu ta’ pjattaforma għall-promozzjoni tas-settur lokalment u internazzjonalment. Inkomplu naħdmu qatigħ biex nkomplu nsaħħu l-istrateġija tal-promozzjoni ta’ Tech.mt biex nwettqu l-għan ewlieni tagħna, jiġifieri li nippożizzjonaw lil Malta bħala l-gżira fuq quddiem tar-rivoluzzjoni tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

U bħala Dana… X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għall-futur?

Fil-futur nixtieq li nkun protagonista fit-twettiq ta’ bidliet fuq livell nazzjonali. Li nkun f’pożizzjoni li nidentifika oqsma fejn għad fadal ħafna xi jsir u nkun nista’ nagħmel bidla pożittiva.

 


Related posts